Iffirmat MOU bejn il-Malta Laboratories Network u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Fid-19 ta' Mejju 2016 kien iffirmat Memorandum of Understanding (MOU) bejn il-Malta Laboratories Network fi ħdan il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Dan il-ftehim se jwassal għall-użu aħjar ta’ tagħmir avvanzat u tax-xjenzati kwalifikati li għandha l-korporazzjoni, filwaqt li se jippermetti wkoll li tibda ssir f’pajjiżna analiżi tat-traċċi ta’ pestiċidi fuq ikel u prodotti agrikoli.

Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur l-MCCAA se tkun qed tutilizza s-servizzi tal-laboratorji tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex l-analiżi fuq il-150 kampjun fis-sena li normalment kienet issir barra minn Malta, issa tibda ssir f’pajjiżna stess.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-Malta Laboratories Network qiegħed jaħdem f’mudell ta’ koperazzjoni ma’ laboratorji pubbliċi u privati bil-għan li dawn il-laboratorji jakkwistaw l-akkreditazzjoni meħtieġa u tiżdied il-kwalità tas-servizz, f’konformità mal-istandards Ewropej.

Il-Ministru Dalli fissret kif il-fatt li f’pajjiżna jkollna network ta’ laboratorji privati u pubbliċi akkreditati joffri vantaġġi biex isir użu aħjar mir-riżorsi kif ukoll jinħoloq bdil ta’ informazzjoni fuq prattiċi ġodda fil-qasam xjentifiku.

Dr Dalli semmiet kif wara ftehim li kien iffirmat fil-ġranet li għaddew mal-Istitut Forensiku Olandiż, beda x-xogħol biex pajjiżna jkollu servizz ta’ laboratorju xjentifiku kif jixraqlu, b’investiment inizjali ta’ €80,000. Dawn il-fondi mogħtija mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali se jkunu investiti f’taħriġ għal uffiċjali fi ħdan is-sezzjoni forensika tal-Pulizija, liema taħriġ se jibda fil-bidu ta’ Ġunju.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-Inġinier Charles Brincat tkellem dwar il-mod kif il-korporazzjoni żviluppat u espandiet is-servizzi tal-laboratorji tagħha fejn illum isiru mad-90,000 test fis-sena fuq 9,000 kampjun tal-ilma u 6,500 kampjun tad-drenaġġ.

Qal li bis-saħħa ta’ fondi Ewropej, fl-2013 inxtara apparat ġdid filwaqt li s-sena li għaddiet infetħet is-sezzjoni tal-micro biology. Huwa esprima s-sodisfazzjon tal-korporazzjoni għall-fatt li issa, l-korporazzjoni se tkun qed toffri servizzi ta’analiżi ta’ traċċi ta’ pestiċidi fuq prodotti agrikoli.

Iċ-Chairman tal-Malta Laboratories Network il-Prof. Anthony Serracino Inglott fisser kif il-koperazzjoni murija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li wasslet għall-iffirmar ta’ dan l-MOU hija turija ta’ kemm l-idea li jinħoloq network tal-laboratorji qed taħdem tajjeb. Spjega kif dawn in-networks qed jitwaqqfu wara taħriġ u konsultazzjonijiet estensivi bejn stakeholders varji fi ħdan il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali bil-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Prim Minsitru.

Iċ-Chairman tal-MCCAA Marcel Pizzuto faħħar l-inizjattiva tal-Malta Laboratories Network u qal li l-ftehim se jagħmilha aktar faċli għall-Awtorità li jkollha f’idejha l-analiżi fuq il-kampjuni mibgħuta, liema testijiet huma rikjesti mill-Kummissjoni Ewropea.

Fi tmiem l-attività, il-Ministru Helena Dalli żaret il-faċilitajiet tal-laboratorji li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u tkellmet mal-ħaddiema fejn kien spjegat lilha l-proċess tal-analiżi u t-testijiet differenti li jsiru.

Il-Kap Eżekuttiv waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-Memorandum of Understanding 


Il-Ministru Helena Dalli tħabbar l-Memorandum of Understanding bejn il-Korporazzjani u l-Malta Laboratories Network