Side Image

Applikazzjoni quddiem il-MEPA għall-impjanti biex flok jintrema, l-ilma jerġa' jintuża

Published on maltarightnow.com on the 24th of January 2012

Wara l-istudji li għamlet u li bdew fl-2008, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tefgħet l-applikazzjoni quddiem il-MEPA biex tibni impjanti, biswit dawk li jittrattaw l-ilma qabel jintrema l-baħar, biex minflok jibqa' jintrema fil-baħar, l-ilma trattat jerġa' jintuża.

L-applikazzjoni quddiem il-MEPA tinkludi applikazzjoni għal permess tal-bini tal-impjanti, kif ukoll permessi għall-infrastruttura neċessarja. Dan ħabbru l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Marc Muscat fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li saret fi tmiem żjara tal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech fil-kwartieri tal-Korporazzjoni f'Ħal Luqa, li din il-ġimgħa qed tiċċelebra l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Marc Muscat qal li l-applikazzjoni quddiem il-MEPA tressqet f'Diċembru li għadda, bil-ħsieb hu li l-impjanti l-ġodda jibdew jaħdmu fi żmien tliet snin. Bħalissa, Malta hi l-uniku pajjiż fil-Mediterran li jitratta d-drenaġġ qabel dan jintrema fil-baħar.
 
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Tonio Fenech faħħar il-ħaddiema kollha tal-Korporazzjoni għax-xogħol tagħhom, hu qal li l-Korporazzjoni qed issir dejjem effiċjenti, tant li filwaqt li meta bdiet kellha aktar minn 1,500 ħaddiem, illum tagħmel ħafna aktar xogħol b'900 ħaddiem.
 
Il-konferenza tal-aħbarijiet saret biex jitniehda fuljett, bl-isem ta' 'Kuntratt mal-Konsumatur', li fih, il-konsumatur jista' jsib id-drittijiet u l-obbligi li għandha l-Korporazzjoni lejh, f'dak li għandu x'jaqsam mad-distribuzzjoni tal-ilma fid-djar. Bħalissa, l-Korporazzjoni tiprovdi ilma lil aktar minn 220,000 dar, waqt li tiprovdi s-servizz tal-ilma anke lill-industrija u s-settur tat-turiżmu. 
 
Il-Ministru Tonio Fenech faħħar l-effiċjenza li taħdem biha l-Korporazzjoni, hekk kif semma li fis-sena 2000, il-Korporazzjoni kienet 'taħli' 4,000 metru kubu fis-siegħa, waqt li llum, taħli biss 490 metru kubu kull siegħa. 
 
Hu semma kif il-Gvern Ċiprijott kien ristrett li jieħu l-istess passi li ħa l-Gvern Malti qabel meta spiċċa f'sitwazzjoni meta ma kellux biżżejjed ilma ta' kwalità biex jiprovdih lill-pubbliku Ċiprijott. Tonio Fenech semma wkoll in-numru ta' testijiet li jagħmlu l-ħaddiema tal-Korporazzjoni biex jassiguraw li l-kwalità tal-ilma li jasal fid-djar ikun wieħed tajjeb. Filfatt, kull sena jittieħdu 6,220 kampjun mid-djar Maltin, u fuqhom isiru kważi 60,000 test differenti. B'hekk, jiġi assigurat li l-ilma li jasal fid-djar ikun skont l-istandards tal-Unjoni Ewropea. 
 
F'dan id-dawl, sostna l-Ministru Fenech, il-Gvern Malti se jibqa' jiprovdi l-poplu Malti b'dak li hu bażiku u neċessarju għall-ħajja, bħall-ilma. Hu fakkar li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha policy li taqdi lill-klijenti tagħha sa massimu ta' għoxrin ġurnata wara li l-klijent ikun wassal il-mistoqsija jew l-ilment lill-Korporazzjoni.