L-iżgurar ta’ aċċess għall-ilma f’reġjun li jsofri minn nuqqas tal-ilma

 

L-impjant tal-Ilma Ġdid fil-Mellieħa flimkien ma’ proġetti oħrajn li l-WSC qed taħdem fuqhom se jiżgura li l-pajjiż tagħna, reġjun li jsofri minn nuqqas ta’ ilma, ikollu aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba. Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ġestjoni tal-Ilma Joe Mizzi u l-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli qalu dan matul żjara lill-Impjant tal-Ilma Ġdid fil-Mellieħa, fejn kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv għall-Water Services Corporation, is-Sur Richard Bilocca. Fil-fatt, l-istatistika turi li fir-reġjun tal-Mediterran, 20 % tal-popolazzjoni tgħix f’sitwazzjoni fejn m’hemmx ilma ta’ kwalità tajba jew id-domanda tal-ilma hija aktar minn dik disponibbli u aktar minn 50 % tal-popolazzjoni hija affettwata minn nuqqas tal-ilma fis-sajf.

 

 

 

 

L-impjant tal-Ilma Ġdid fil-Mellieħa huwa wieħed minn tliet impjanti, li ġie inawgurat is-sena li għaddiet. Illum, madwar 170 bidwi mill-parti tat-Tramuntana ta’ Malta jsaqqu b’ilma ppurifikat minn dan l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ. L-istess ilma li qabel kien jintrema u li permezz ta’ dan il-proġett huwa ppolixxjat u użat għall-agrikoltura u l-industrija.

Il-Ministru Joe Mizz spjega li dan il-proġett twettaq b’investiment ta’ 20 miljun Euro f’termini ta’ infrastruttura u 22 miljun Euro f’impjanti. It-tieni impjant ġie inawgurat f’Għawdew ftit ġranet ilu u issa t-tielet impant fix-Xgħajra, li huwa fi stadju tal-ittestjar, se jiġi inawgurat fil-ġranet li ġejjin. L-ilma trattat, li huwa ta’ kwalità għolja, jista’ jintuża b’mod sikur għat-tisqija, it-tisbiħ tal-pajsaġġ,u għal ċerti tipi ta’ industrija. Il-Ministru fakkar li saret żjara lill-bdiewa fejn il-bdiewa faħħru dan l-ilma u qalu li l-prodotti tagħhom huma ta’ kwalità aħjar u jibqgħu friski għal aktar żmien.

 

 

 

 

Mill-parti tagħha, l-MPE Miriam Dalli spjegat kif it-trattament tal-ilma huwa parti mill-mudell tal-ekonomija ċirkolari li l-Unjoni Ewropea qed tadotta u, permezz ta’ dan il-mudell, ir-riżorsi, inkluż l-ilma, li għandhom jintużaw mill-ġdid.

 

 

“F’pajjiżna, l-ilma huwa riżorsa limitata u huwa meħtieġ minn diversi setturi inklużi t-turiżmu u l-agrikoltura. Huwa għalhekk meħtieġ li pajjiżna jkompli jinvesti fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni biex joffri l-aħjar soluzzjonijiet għal dan l-ilma użat mill-ġdid u li fl-istess ħin ikun ta’ kwalità tajba,” tgħid Dalli.

 

Hija spjegat kif l-Unjoni Ewropea qiegħda attwalment taħdem fuq diversi liġijiet li se jiżguraw il-kwalità, kemm fl-ilma użat mill-ġdid kif ukoll fl-ilma tajjeb għax-xorb.

 

“L-istatistika turi li l-pajjiżi tal-Mediterran qed jesperjenzaw l-aktar in-nuqqas ta’ ilma u għalhekk għandna l-kompitu li niżguraw, li ċ-ċittadini Ewropej kollha, inklużi Malta u Għawdex, ikollhom aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba,” ikkonkludiet Dalli.

 

Is-Sur Richard Bilocca, CEO tal-WSC jgħid li “Minbarra li nitkellmu, aħna bħala korporazzjoni qed nieħdu ħafna miżuri biex inwasslu soluzzjonijiet għall-ilma ta’ taħt l-art. Wieħed mill-passi li qed jiġi implimentat huwa li qed nagħtu ilma alternattiv lill-bdiewa tagħna. Permezz ta’ dan it-trattament, qed nagħtu ilma ta’ kwalità tajba lill-bdiewa. Kull litru ta’ ilma li aħna qed nipproduċu biex jintuża mill-bdiewa jfisser li inqas ilma jittieħed minn taħt l-art. Minflok ma nħarsu lejn il-bdiewa bħala problema, qed noffrulhom alternattiva ta’ kwalità għolja.”

 

Attwalment, il-Korporazzjoni qed timplimenta għadd ta’ proġetti li jaqbżu l-100 miljun Euro li huma kofinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

Related articles

Malta l-ewwel fir-rapport “Il-Kwalità tal-Ilma għall-Għawn Ewropew”

Il-Water Services Corporation tinnota bi pjaċir li għal darb’oħra Malta ġiet l-ewwel fir-rapport “Il-Kwalità tal-Ilma għall-Għawn Ewropew”. Il-Korporazzjoni tikkontribwixxi bi pjaċir lejn […]

Read More

Titjib Ewlieni tal-Infrastruttura tad-Drenaġġ u espansjoni tal-Infrastruttura tan-‘New Water’

Il-Water Services Corporation tħabbar bi pjaċir li ppubblikat erba’ offerti oħra li jiffurmaw parti minn investiment ta’ diversi miljun Euro maħsub biex […]

Read More

WSC tinawgura Impjant tal-ippolixxjar tal-Ilma Ġdid f’Ras il-Ħobż

It-tieni mit-tliet impjanti tal-ippolixxjar “Ilma Ġdid” tal-WSC ġie inawgurat f’Għawdex mill-Ministru għall-Enerġija u l-Ġestjoni tal-Iskart Joe Mizzi. Impjanti tal-Ilma Ġdid jipprovdu ilma […]

Read More

Offerta ta’ Osmosi Inversa ta’ Għaxar Miljun Euro Disponibbli

Il-Water Services Corporation tħabbar bi pjaċir li ppubblikat offerta ta’ diversi miljuni ta’ Euro li tirrappreżenta investiment mingħajr preċedent fil-kwalità u s-sigurtà […]

Read More