Il-WSC iffirmat żewġ kuntatti ewlenin għat-tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ mina ta’ 9.5 km mill-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke għall-Grupp ta’ Ġibjuni ta’ Ta’ Qali. Dan il-Proġett se jtejjeb il-kwalità tal-ilma globali f’ħafna partijiet ta’ Malta u se jtejjeb l-effiċjenza oeprazzjonali u s-sostenibbiltà ambjentali.
Dan huwa proġett ieħor li jifforma parti mill-proġett “Utilità ta’ Impatt Żero Nett” tal-Water Services Corporation.
Iż-żewġ kuntratti ffirmati jindikaw investiment ta’ EUR 27.5 miljun.
L-offerta għat-tħaffir tal-mina ngħatat lill-kumpanija Maltija Bonnici Bros. Services Ltd. għall-valur ta’ EUR 19.3 miljun. Il-mina se tkun assi kruċjali għall-Korporazzjoni u se tippermetti l-konnessjoni tal-akbar impjant tar-Reverse Osmosis tagħha f’Pembroke RO mal-Grupp ta’ ġibjuni f’Ta’ Qali permezz ta’ mejns ta’ dijametru kbir bl-aktar mod effiċjenti. Dan se jiżgura li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-taħlit tal-ilma tar-Reverse Osmosis u li titnaqqas l-enerġija tal-ippumpjar għall-inqas possibbli, biex b’hekk tinkiseb prestazzjoni ambjentali ottima.
L-ilma trasferit mir-Reverse Osmosis f’Pembroke se jitħallat mal-ilma ta’ taħt l-art fil-Grupp ta’ ġibjuni ta’ Ta’ Qali, jiġi kampjunat u fl-aħħarnett ittrattat biex tiġi żgurata t-taħlita tal-aqwa kwalità.
It-tender għall-provvista ta’ pajpijiet tal-plastik rinfurzati bil-fibra tal-ħġieġ ta’ dijametru kbir li jridu jitpoġġew ġol-mina ntrebaħ mill-kumpanija Torka Superlit Boru Sanayi A.S. għall-valur ta’ EUR 8.2 miljun. Wieħed minn dawn il-mejnijiet se jintuża wkoll biex jipprovdi ilma mħallat ta’ kwalità għolja lill-parti ċentrali tal-pajjiż permezz ta’ hub ċentralizzat li jalimenta prinċipalment permezz tal-gravità. Dan b’rispett sħiħ tal-għan ta’ impatt żero nett tal-proġett li permezz tiegħu se tkun garantita prestazzjoni ta’ servizz, effiċjenza u ambjentali aħjar.
Il-pajpijiet inkwistjoni se jintużaw għall-ewwel darba f’Malta. Pajp wieħed se jinkludi firxa ta’ 8 km ta’ pajp ta’ dijametru ta’ 1.2 m. Kull segment tal-pajp ikun ta’ tul ta’ 6 m u jiżden madwar 1 500 kg. Pajp ewlieni ieħor ta’ firxa ta’ 250 m b’wisa’ ta’ 1 m se jitpoġġa u pajp b’wisa’ ta’ 80 cm se jitpoġġa fuq firxa ta’ 6 km. B’kollox, madwar 3 000 tunnellata ta’ pajpijiet u tagħmir se jitpoġġew fil-mina.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi kien xhud taċ-ċerimonja tal-iffirmar u kkummenta li l-iffirmar ta’ din l-offerta huwa eżempju wieħed biss tal-ħafna proġetti li qed jitwettqu fis-settur tal-ilma li qed itejjeb l-infrastruttura ta’ Malta u l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Is-Sur Emanuel Bonniċi ffirma l-kuntratt għal Bonnici Bros, Services Ltd., filwaqt li s-Sur Turgay AYTEKIN iffirma għal Superlit Boru Sanayi A.S.
Id-dokumenti ġew kontroffirmati mis-Sur Anthony Cachia, DĠ tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Is-CEO tal-Water Services Corporation Richard Bilocca spjega li dan il-proġett ta’ sfida se jiżgura kwalità tal-ilma aħjar madwar Malta u prestazzjoni ambjentali mtejba b’mod sinifikanti, li timplika ffrankar kruċjali fl-elettriku kif ukoll mijiet ta’ tunnellati ta’ CO2 fis-sena.
Dan il-proġett se jkun koordinat mill-Water Services Corporation se jiġi kofinanzjat permezz ta’ fondi ta’ Koeżjoni tal-UE.