Fl-20 ta’ Jannar 1992, twaqqfet il-Water Services Corporation permezz tal-Att tal-Parlament Nru XXIII tal-1991.

 

Matul l-20 sena tal-eżistenza tagħha, il-korporazzjoni trasformat il-kwalità tal-ilma tajjeb għax-xorb u kif jiġi prodott u distribwit. Sebgħa u ħamsin fil-mija tal-ilma tajjeb għax-xorb ta’ Malta huwa prodott minn tliet impjanti tar-reverse osmosis filwaqt li l-bqija jiġi ppumpjat minn akwiferi ta’ taħt l-art. Illum il-ġurnata, l-elettriku kkunsmat biex jipproduċi metru kubu ta’ ilma huwa ħafna inqas milli kien jiġi kkunsmat għaxar snin ilu.

 

It-tnixxijiet infrastrutturali tnaqqsu wkoll b’ammont tant kbir li issa qed nipproduċu inqas ilma milli konna fis-snin tal-imgħoddi, filwaqt li xorta waħda nissodisfaw domanda ħafna akbar.

 

Wieħed mill-istadji importanti l-aktar sinifikanti tal-WSC kien, madankollu, l-inkorporazzjoni tad-Dipartiment tad-Drenaġġ preċedenti fl-2004, u permezz t’hekk saret responsabbli għaċ-ċiklu tal-ilma kollu mill-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma, sal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi. Mill-2005 sal-2011, inbnew tliet impanti tat-trattament tal-ilma mormi kompletament ġodda, wieħed f’Għawdex, ieħor fil-Mellieħa u l-aħħar wieħed f’Ta’ Barkat li sar kompletament operattiv sal-aħħar ta’ Mejju 2011. Għalhekk, għall-ewwel darba, Malta qed tagħmel trattament ta’ 100 % tal-ilma mormi tagħha qabel ma jiġi skarikat fil-baħar. Malta hija l-ewwel pajjiż fil-Mediterran u s-seba’ wieħed biss fl-Ewropa li laħaq dan il-għan.

 

 

L-istorja tal-ilma għall-konsum tal-bniedem fil-Gżejjer Maltin bdiet b’mod sempliċi meta l-bniedem beda jħaffer bjar mhux fondi bejn 5000 u 3000 QK. L-istorja hija miżgħuda bi stadji importanti notevoli bħall-bini tal-Akwadott Wignacourt bejn 1610-1615. Inbnew ħafna ġibjuni u tħaffru gallariji tal-ilma fuq perjodu ta’ 400 sena u l-ewwel stazzjonijiet għall-ippumpjar bdew jidhru lejn l-aħħar tas-seklu 19. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, għadd ta’ ġibjuni kif ukoll mejnijiet tal-ilma saritilhom ħsara permezz ta’ azzjoni mill-għadu u dan ġiegħel lill-awtoritajiet jiddistribwixxu l-ilma permezz ta’ tankers.

 

Fl-1944, nuqqas serju tal-ilma fisser li madwar 5 miljun gallun (22 700 metru kubu) ta’ ilma kull xahar kellu jiġi importat minn Sqallija bil-baħar. Fl-1950, beda l-ewwel tħaffir fin-netwerk tal-gallarija tal-ilma taħt l-art f’Ta’ Kandja. Matul is-snin ta’ wara, twettqu ħafna proġetti tal-ilma biex tintlaħaq id-domanda ta’ popolazzjoni dejjem tikber kif ukoll tas-setturi tat-turiżmu u tal-industrija li bdew jitwieldu. Sal-1966, l-ewwel distillaturi multi-flash tal-ilma baħar kien qed jipproduċu 20 430 metru kubu ta’ ilma kuljum. Fl-1971, l-ewwel distillatur f’Għawdex beda jipproduċi 2 270 metru kubu kuljum.

 

Matul is-snin sebgħin, inbeda programm intensiv ta’ tħaffir għall-ilma, hekk kif il-pajjiż tħabat biex ilaħħaq mad-domanda. Fl-1982 ġie inawgurat l-ewwel impjant tar-Reverse Osmosis f’Għar Lapsi. Impanti tar-Reverse Osmosis oħra inbnew fil-Marsa, Tignè u ċ-Ċirkewwa fl-1982, 1983 u 1988 rispettivament. Fl-1991 beda jopera l-impant mudell tal-Osmosi Inversa tal-WSC.

 

 

Illum, wieħed sempliċement jiftaħ vit u ilma nadif u sikur huwa dejjem disponibbli meta jkun meħtieġ. Iżda, kif turina l-istorja t’hawn fuq, dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-isforzi enormi ta’ għadd kbir ta’ persuni tul ħafna snin.

 

 

Il-Water Services Corporation għamlet progress kbir matul l-ewwel għoxrin sena tagħha. Iżda, għalkemm aħna kburin b’dak li ksibna, nafu li s-snin li ġejjin se jipprovdu ħafna aktar sfidi biex intejbu s-servizzi u l-prodotti tagħna filwaqt li nħallu l-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent.