Il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma se twettaq xogħlijiet estensivi ta’ manutenzjoni u titjib fl-Impjant ta’ Trattament tal-drenaġġ f’Għawdex matul ix-xahar ta’ Novembru 2025. Matul dan il-perjodu, l-impjant se jkun temporanjament mitfi, u għalhekk mhux se jkun hemm produzzjoni tan-New Water f’Għawdex matul ix-xahar.
Din il-waqfa hija parti minn programm kontinwu ta’ investiment fl-infrastruttura tal-ilma f’Għawdex, bil-għan li l-impjant jibqa’ jaħdem b’mod effiċjenti, sostenibbli u skont l-ogħla standards ta’ kwalità tal-ilma.

Wieħed mill-proġetti ewlenin jikkonsisti fil-kisi mill-ġdid tal-ġibjun ewlieni li jforni l-Ilma Ġdid lejn Għar Ilma. Wara valutazzjoni teknika, instab li s-soluzzjoni l-aktar effettiva u fit-tul hija li l-ġibjun jiġi miksi mill-ġdid b’materjal ta’ kwalità għolja (polyurea), użat b’mod estensiv f’infrastrutturi moderni tal-ilma. Din l-intervent se jelimina t-telf ta’ ilma, isaħħaħ l-integrità strutturali tal-ġibjun u jiggarantixxi l-affidabbiltà fit-tul tas-sistema tal-Ilma Ġdid f’Għawdex.
It-tender għal dan il-proġett inħareġ u ngħata aktar kmieni din is-sena, u x-xogħolijiet ġew ippjanati apposta għax-xitwa, meta jkun hemm l-anqas domanda għan-New Water. Din l-istrateġija tnaqqas ir-riskju ta’ tfixkil matul ix-xhur agrikoli kruċjali u fl-istess ħin tippermetti l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli.

Fl-istess ħin, se jsir ukoll titjib tekniku u manutenzjoni oħra importanti matul dawn il-4 sa 5 ġimgħat, fosthom:
• Installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ aerazzjoni fil-bioreattur, biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u fil-proċess tat-trattament.
• Sostituzzjoni tal-membrani UF u RO fil-proċess ta’ trattament biex tinżamm l-ogħla kwalità tal-ilma.
• Aġġornament tas-sistema taċ-ċentrifuga, li se jtejjeb l-affidabbiltà u l-flessibbiltà operattiva tal-impjant.
Dawn il-proġetti koordinati huma parti mill-istrateġija usa’ tal-Korporazzjoni biex tkompli tmodernizza l-faċilitajiet tagħha u tiżgura li kemm Għawdex kif ukoll Malta jibbenefikaw minn forniment ta’ ilma sigur, sostenibbli u ta’ kwalità għolja.
Il-Korporazzjoni tirringrazzja lill-pubbliku u lill-komunità agrikola tal-kooperazzjoni tagħhom waqt li jsiru dawn ix-xogħlijiet essenzjali. Dan l-investiment se jiggarantixxi li l-infrastruttura tal-ilma f’Għawdex tibqa’ reżiljenti, effiċjenti u lesta biex tilqa’ l-ħtiġijiet tal-futur.